
Insellimlek.
Il-Liġi li tipproteġi l-whistleblower hija liġi li tgħin b'mod dirett biex ikollna soċjeta' aħjar.
Fuq din is-sit, se ssib l-għajnuna u l-informazzjoni kollha.
Flimkien nistgħu nagħmlu soċjeta' iktar ġusta u soċjeta' iktar nadifa.
Oriġini ta' l-Att dwar il-Protezzjoni ta' l-Informatur:
Kien fit-30 ta’ Lulju ta’ l-1778 meta għall-ewwel darba fl-istorja l-Kungress ta’ l-Istati Uniti daħħal fis-seħħ liġi dwar il-protezzjoni ta’ l-informatur. Dan ġara wara inċident partikulari fl-1777 meta żewġ individwi, Richard Marven u Samuel Shaw, sofrew ritaljazzjoni severa minn Esek Hopkins li kien il-kap kmandant tal-flotta ta’ l-Istati Uniti dak iż-żmien, talli żvelaw ċerta informazzjoni. F’dak il-każ il-Kungress Amerikan kien iddikjara li kien se jiddefendi lil dawn iż-żewg informaturi f’kawża ta’ libel li Hopkins kien fetaħ kontrihom. Il-Kungress kien iddikjara li huwa dmir, “li kull persuna fis-servizz ta’ l-Istati Uniti, kif ukoll ta’ l-abitanti kollha fi ħdanhom” sabiex jinfurmaw lil Kungress kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti “b’kull aġir ta’ kondotta ħażina, frodi jew nuqqasijiet serji oħra kommessi minn uffiċjali fis-servizz ta’ dawn l-istati, li jistgħu jkunu magħrufa lilhom.”
Ħamsa u sebgħin sena wara r-ratifikazzjoni tal-Kostituzzjoni u prattikament ma’ tmiem il-gwerra ċivili, il-Kungess Amerikan ġab fis-seħħ il-“False Claims Act” fl-1863 (rivedut fl-1986) intiż sabiex jilqa’ għal każijiet ta’ frodi minn dawk li jissupplixxu lill-militar. Dan l-Att kien provda inċentiv lill-informaturi fis-sens li min jiżvela kien ikun intitolat għal persentaġġ tal-flus irkuprati mill-gvern, jew inkella danni mirbuħa, dan filwaqt li l-istess informaturi jkunu protetti minn tkeċċija nġusta.
L-Att dwar il-Protezzjoni ta' l-Informatur f'Malta u l-Implimentazzjoni:
Kien propju f’Settembru 2013 meta l-Gvern ta’ Malta ġab fis-seħħ l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Informatur fil-qafas tal-liġijiet nazzjonali, “biex jipprovdi għal proċeduri li bis-saħħa tagħhom impjegati, kemm fis-settur privat u kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika, jistgħu jiżvelaw informazzjoni dwar prattiċi mhux xierqa mill-prinċipali tagħhom jew minn impjegati oħra fl-impjieg tal-prinċipali tagħhom u biex jipproteġi mpjegati illi jagħmlu dak l-iżvelar minn azzjoni ta’ detriment.”
Kull min ikun irid jiżvela informazzjoni dwar atti illegali jew ta’ korruzzjoni jista’ jagħmel dan taħt il-provedimenti ta’ l-Att li permezz tiegħu qed ikunu wkoll salvagwardjati u protetti l-interessi ta’ l-istess informatur. Għan aħħari ta’ din il-liġi hu sabiex tingħeleb il-biża’ f’sitwazzjonijiet diffiċli bħal dawn u allura tinbidel il-mentalita’ fl-aħjar interess pubbliku u ta’ l-istat.
F’kull Ministeru governattiv ġie appuntat uffiċjal intern li jirrapporta dwar żvelar ta’ informazzjoni protetta kif preskritt taħt l-istess Att, inkarigat sabiex jilqa’ rapport li jaqgħu taħt il-ministeru jew dipartiment rispettiv. Inħatar ukoll uffiċjal estern fi ħdan il-Kabinett.
Fittex:
Jekk trid iktar tagħrif dwar din il-leġiżlazzjoni
Jekk trid titgħallem iktar dwar kif taħdem u topera l-liġi u dwar kif tista’ tibbenefika minnha int.